
SONG BIRD ASSOCIATION-MALTA
Ċirkolari Settembru 2014
Għeżież Ħbieb,
L-ewwel nett nixtieqilkom il-kumplament tas-sajf it-tajjeb u nittamaw li din is-sħana li qed tagħmel dan l-aħħar ma tibqax tippersisti ħafna aktar. Bħalissa l-għasafar tagħna għaddejjin bil-fażi tat-tibdil u għalhekk importanti li nagħtuhom ċerti vitamini u supplimenti biex itellgħu rixa b’saħħitha u sabiħa. Xi ħaġa importanti ħafna f’din il-fażi delikata għall-għasafar tagħna hija l-ħasil ta’ kuljum tal-għasafar. Bħal dan iż-żmien ukoll nibdew nħarsu b’aktar reqqa lejn il-frieħ li ħadna biex forsi nibdew nimmarkaw xi għasfur sabiħ biex niskartawh għalih u nibdew nagħtuh it-training fil-gaġġeġ tax-show. J’Alla kulħadd joħroġ kuntent bil-frieħ tiegħu u jkolli xi jtella’ fil-wirjiet li resqin, kemm dawk lokali kif ukoll dawk internazzjonali.
Bħala Kumitat nixtiequ nwasslulkom aħbar verament sabiħa u li ilna naħdmu fuqha għal dawn l-aħħar sentejn. Aħna konna ilna naħdmu biex il-verdun il-kbir tal-wirja jiġi rikonnoxxut mill-C.O.M. bi standard imfassal apposta ghalih. Fil-laqgħa ġenerali 2014 tal-iS.B.A.M. urejnikom slide show ferm tajba li kienet tispjega dan l-istandard kif se jkun. Ħadna r-reazzjoni tagħkom u komplejna b’aktar riċerki, kemm minn Malta kif ukoll mill-Ingilterra, minn fejn oriġina dan it-tip ta’ għasfur. Membri mill-kumitat għamlu sigħat sħaħ mal-Pittur Andrew Micallef, speċjalista fil-pittura tal-għasafar u tan-natura, biex l-istandard mill-kitba jiġi rifless fi stampa bid-daqs u l-għamla eżatt ta’ dan it-tip ta’ għasfur. Dan għamlu kemm b’pittura bil-kulur kif ukoll b’line drawing biex joħroġ it-type tal-istandard. Dan kollu tistgħu tarawh fuq il-website taghna songbirdassociationmalta.com. Imxejna fuq il-proċeduri kollha u ressaqna kopji tal-istandard b’erba’ lingwi differenti lill-C.O.M.
Il-ħidma tagħna ġiet ippremjata billi l-C.O.M. aċċettat li hemm lok għal standard ġdid u separat mill-verdun iż-żgħir normali u li jaddottaw l-istandard li ppreżentajna l-ghaqda taghna. Mill-wirja mondjali ta’ Jannar 2015 jibdew il-proċeduri li jdumu 3 snin. Dawn jikkonsistu f’li ġej;
- Iridu jittellgħu mill-inqas 12 il-verdun singles u tim ta’ erbgħa fi klassijiet mhux kompetettivi (bla premijiet).
- Jittella’ espert mill-pajjiż applikant (Malta) biex jassisti lit-tim ta’ ġudikanti u għal xi mistoqsijiet li dawn jistgħu jagħmlu fuq l-istandard.
- L-esibiti jiġu ġġudikati fuq dan l-istandard u huwa ferm inportanti li l-għasafar li jitilgħu jkunu jilħqu r-rekweżiti kollha ta` dan l-istandard.
- F`każ li nfallu minn dawn ir-rekwiżiti, il-C.O.M. tagħti ċans sena oħra biss.
Wara din il-fażi l-verdun il-kbir jiġi uffiċjalment rikonoxxut bħala razza ġdida. U dan kollu se jkun seħħ bis-saħħa tagħna l-Maltin! Din l-aħbar se tiġi kkomunikata lil klabbs l-oħra kollha Maltin biex dawn ukoll jirrikonnoxxu dan l-istandard fil-wirjiet tagħhom.
Xi ħaġa oħra marbuta mal-Mondjal hija li din is-sena l-klabbs Maltin ingħaqdu flimkien biex jaraw x’se jagħmlu fuq il-parteċipazzjoni tal-għasafar Maltin f’din il-wirja daqshekk prestiġġjuża. Fil-fatt għall-ewwel darba l-prezz tal-għasafar ġie deċiż minn qabel u dan mhux se jinbidel. Fil-fatt min irid jikteb l-għasafar għall-Olanda dawn se jkunu l-prezzijiet; min jikteb żewġ għasafar se jħallas €30 kull għasfur iżda min jikteb 3 għasafar jew aktar se jħallas €25 kull għasfur. Qed isiru ċerti affarijiet biex il-klabbs jiġbru l-fondi ħalli b’hekk dejjem titnaqqas l-ispiża tal-gabjuni tal-għasafar. Għal dan il-għan fis-6 ta’ Settembru se jiġi organizzat buffet dinner ġewwa l-Bird Park ta’ Burmarrad. Il-menu ssibuh hawn isfel f’din iċ-ċirkolari. Prezz se jkun ta’ €20 u l-qliegħ kollu se jmur biex itaffi l-ispejjeż tal-għasafar. Din l-attività hija għall-familja kollha. Min jitħajjar jiġi jista’ jċempel lill-organizzatur ta’ din l-attivtà, is-Sur Rudolph Falzon fuq in-numru 99821101.
Nixtieq infakkarkom ukoll fil-wirja tal-għasafar tal-għana li qiegħda toqrob ġmielha. Id-dati għal din is-sena se jkunu 29 u 30 ta’ Novembru. Bħas-soltu l-għasafar jidħlu l-Ħamis 27 ta’ Novembru u l-Ġimgħa 28 ta’ Novembru jsir il-judging. Ovvjament ftuħ għall-pubbliku s-Sibt 29 ta’ Novembru u l-Ħadd 30 ta’ Novembru. Bħas-soltu nittamaw li naraw il-maġġoranza tagħkom flimkien mal-isbaħ frieħ li ħadtu f’dan il-breeding season. Kif tafu aħna nħobbu nagħtu premijiet mill-isbaħ u din is-sena mhijiex se tkun xi eċċezzjoni. Fil-fatt, apparti l-25 Best tas-soltu din is-sena se nżiedu l-Best Team in Show għax minn din is-sena t-timijiet se niftħuhom fis-sezzjonijiet l-oħra wkoll u mhux biss fil-vrieden. Dan ifisser li min jaħseb li għandu erba’ għasafar li jkunu jixxibħu ħafna għal xulxin, dan jista’ itellahom bħala tim f’dik is-sezzjoni partikolari.
Fl-aħħarnett irrid inakkarkom li s-sena d-dieħla se ssir l-elezzjoni għall-ħatra tal-membri tal-kumitat. Għalhekk kulmin jaħseb li jista’ jagħti l-għajnuna tiegħu fit-tmexxija tal-klabb inħeġġuh b’qalbna kollha sabiex jersaq ‘il quddiem u jkellem lil xi ħadd mill-kumitat. Min-naħa tagħna napprezzaw verament lil min hu ġenwinament interessat biex jidħol bħala membru fil-kumitat biex ilkoll flimkien inkomplu mmexxu ‘l quddiem dan il-passatemp sabiħ li għandna. F’isem sħabi tal-kumitat nirringrazzjakom.
Insellmulkom
Stephen Grech
Segretarju - SBAM
