Fost id-dilettanti Maltin l-isponsun huwa wieħed mill-aktar għasafar li jinżamm wara l-verdun. Naturalment dan jinżamm l-aktar għall-għana tiegħu għax f’dak li hu tnissil tiegħu għadu lura ħafna.
Kif ħafna jafu l-għanja tal-isponsun hija waħda melodjuża filwaqt li l-kulur bellusi tiegħu jagħmlu l-għasfur ideali għal dawk id-dilettanti li jfittxu l-għana fl-għasfur. L-isponsun ma jridx xi kura speċjali u jekk jinżamm kif suppost tista’ tgħid li huwa għasfur robust u li jdum jgħix fil-magħluq.
Naturalment f’dak li għandu x’jaqsam għat-tnissil tiegħu fil-magħluq hemm xi passi li wieħed irid jimxi magħhom biex ikollu suċċess fit-tnissil ta’ dan l-għasfur. L-għalf għal dan it-tip ta’ għasfur jikkonsisti f’tip ta’ żrieragħ irqaq imħallta mal-iskalora kif ukoll ammonti żgħar ħafna ta’ żerriegħa tax-xemx. Minn xi xahrejn qabel l-istaġun tat-tnissil ibda offri darbtejn fil-ġimgħa ġo reċipjenti differenti ftit żerriegħa mnibbta mħallta mas-softfood u daqs għaxar buffalo worms jew pinkies. Aktar ma toqrob lejn iż-żmien tal-bejta aktar żied u agħti ta’ spiss dan it-tip ta’ ikel, speċjalment id-dud għaliex dan huwa fondi importanti ħafna biex iġġib l-għasafar tiegħek bin-namra. Offri ta’ spiss kemm tista’ ilma nadif biex jinħaslu għax dawn l-għasafar iħobbu ħafna jinħaslu, anke meta tkun il-kesħa u fl-eqqel tax-xitwa.
L-isponsuni jintelqu pari pari u jekk ikollok għasafar imrobbija fil-magħluq m’għandekx bżonn guvi kbar għalih. Anzi qis ideali huwa tliet piedi wiesa’ bi tliet piedi fond u b’sitt piedi għoli. Għamel daqs tnejn jew tliet bejtiet u għattihom bi ftit friegħi ħodor jew friski jew tal-plastik. Bħala ġarr l-isponsuna tippreferi ħafna l-materjal abjad u llum dan insibuh lest f’boroż apposta, li jkun bit-tajjar miegħu bil-lest. Fil-magħluq l-isponsuna tbied żewġt ibtan imma ġieli anke tlieta. Il-bajd huwa ta’ kulur kaħlani b’tikek kannella jew ħomor. Il-frieħ ġeneralment ifaqqsu wara għaxart ijiem u jinżaqqu esklussivament bid-dud. F’dan il-perjodu l-ammont ta’ dud trid iżżidu konsiderevolment u jekk ikollok ċans tista’ tagħtihom ftit inqas imma aktar spiss. Jien kont nagħti lill-pari tiegħi sitt darbiet kuljum meta kienu jkunu qed iżoqqu l-frieħ. Il-frieħ jinżaqqu mill-omm u mill-missier imma tagħmlu tajjeb li toqogħdu attenti għar-raġel għax mhux l-ewwel darba li jdur għall-frieħ u joqtolhom. F’dan il-każ ir-raġel irid jinqabad u jitħalla f’gaġġa fil-qrib. L-isponsun jiġi rringjat biċ-ċurkett size D u l-frieħ trid tirringjahom meta jkollhom bejn wieħed u ieħor sitta jew sebat ijiem.
Naturalment it-tnissil fil-magħluq ġab miegħu ammont sabiħ ta’ mutazzjonijiet f’dawn l-għasafar ukoll. Fost il-mutazzjonijiet li nsibu fl-isponsun hemm dawn; is-silver, il-brown, l-isabel, il-pastel, l-opal, il-whites u l-pieds. Dawn il-mutazzjonijiet jispikkaw ħafna f’dan l-għasfur u huma sbieħ immens. Jeżistu dawk li jgħidulhom id-dominant mutations u r-recessive sex-linked mutations. L-ewwel waħda hija l-aktar waħda faċli għax l-għasfur ikun jidher viżwalment x’mutation ikun u mhux marbut mas-sess tal-għasfur. Jiġifieri jekk ikollok raġel jew mara mutation inti se taqta’ frieħ irġiel u nisa b’dik il-mutazzjoni. Ir-recessive sex-linked hija differenti, fejn l-ewwel ferħ li joħroġ b’mutation dejjem tkun mara. Issa jekk din il-mara tintelaq ma’ raġel normali, il-frieħ kollha, kemm nisa u kemm irġiel se joħorġu ta’ kulur normali imma l-irġiel se jkunu carriers ta’ dik il-mutation. Naturalment jekk titlaq raġel mutation (brown) ma’ mara mutation (brown) il-frieħ kollha se jkunu ta’ dik il-mutation.
Xi ħaġa importanti fuq dan l-għasfur hija li l-frieħ tiegħu, speċjalment l-irġiel, ladarba jaqbdu jieklu waħedhom u jiġu mifruda mill-ġenituri, importanti ħafna li jitpoġġa raġel jgħanni fil-viċinanza tagħhom sabiex jitgħallmu l-għanja. Dan għaliex dawn l-għasafar jitgħallmu bl-imprinting, jiġifieri jitgħallmu l-għanja li jisimgħu u għalhekk l-importanza ta’ sponsun jgħanni fil-viċin. Kif għedtilkom fil-bidu dan l-għasfur huwa wieħed robust ħafna u ma jirrikjedix attenzjonijiet partikolari u jekk tagħraf tieħu ħsiebu sew se tgawdih fit-tul.