User Rating: 5 / 5

Star ActiveStar ActiveStar ActiveStar ActiveStar Active
 

Tnissil mill-Ekri minn Roderick Abela

 

Aħna l-Maltin nafu l-aktar l-ekru Ewropew li jpassi minn fuq Malta.  Madanakollu r-razza tal-ekri hija wiesgħa ħafna u tinkorpora fiha diversi razez minn madwar id-dinja.

 

 

 

 

 

 

Eżempju ta’ razza mill-ħafna li jeżistu hija dik tal-ekru l-aħmar tal-Venezuela (Red Hooded Siskin).  Dan l-ekru huwa dak li minnu tnisslu l-bgħula mal-kanarini li kienu fertili (jingallaw) sabiex b’hekk għadda dak ir-red factor gene ġor-razza tal-kanarin.

 

Matul dan l-istaġun li għadu kemm għadda kelli esperjenza tajba kemm fit-tnissil tal-ekri ewropej kif ukoll minn tal-ekri tal-Venezuela (Red Hooded Siskin).  F’dan l-artikolu se naqsam ftit ideat fil-qosor dwar wieħed x’għandu jagħmel sabiex ikollu suċċess fit-tnissil tal-ekru Ewropew.

 

L-ekru Ewropew huwa għasfur ħelu u fidil fih madwar 12-il ċentimetru.  L-irġiel u n-nisa faċilment jintagħrfu peress li r-raġel huwa ta’ lewn isfar ħadrani b’kappa sewda fuq rasu.  Xi wħud ikollhom ukoll ħannieqa sewda taħt il-munqar.  Din il-ħannieqa mhijiex daqshekk komuni u meta jkollhom waħda, l-aktar li tkun tidher skura hija fi żmien in-namra.  In-nisa ma jkollhomx kappa sewda u ħannieqa li tkun akar bajdanija b’aktar strixxi suwed.  Illum jeżistu diversi mutazzjonijiet sbieħ fosthom:  Brown, Pastel, Agates, Isabels, Dilutes u oħrajn.

 

Wieħed jista’ jnissel mill-ekri kemm f’guvi kif ukoll f’gaġġeġ, speċjalment minn dawk li kienu diġa’ imnissla fiċ-ċokon.  Jiena nissilt l-ekri ġo guvi  b’daqs ta’ 2m fond x 2m għoli x 70ċm wisa’.  L-armar ġewwa l-guva m’għandux għalfejn ikun sofistikat. Ftit friegħi naturali bħal dak tal-prinjol huwa biżżejjed.  Bħala bejtiet tista’ tuża bieqji żgħar tal-plastik u bħala materjal għall-ġarr tista’ tagħti taħlita ta’ spag u tajjar.  Ħafna drabi kif jibdew il-bejta jlestuha fi żmien jumejn.  L-ekri normalment jibdew ibidu għall-aħħar ta’ April/Mejju.  Normalment ibidu ħames bajdiet u jfaqqsu wara 12 il-gurnata.  Il-frieħ jitlibbsu ċ-ċurkett ta’ daqs ‘B’ meta jkollhom ħamest ijiem.

 

Id-dieta tal-ekru mhijiex waħda komplikata imma fil-kas ta’ kull għasfur tal-għana wieħed ma jistax jippretendi li jnissel minn xi speċi billi joffri biss taħlita ta’ żrieragħ komuni bħal tal-kanarini.  Illum hawn diversi żrieragħ tajbin li huma studjati apposta għal kull razza ta’ għasfur.  Hemm differenza  bejn li żżomm għasfur ħaj u tnissel minnu.  Biex wieħed inissel minn kwalunkwe għasfur irid jieħu ħsieb li jkollu għasafar b’saħħithom l-ewwelnett u mbagħad irid joffri ambjent u dieta addattata għal dak it-tip ta’ għasfur.

 

Kif għedt kemm il-darba, l-għasafar kollha tiegħi ilhom għal dawn l-aħħar 5 snin fuq dieta ta’ pellets.  Ma’ din id-dieta ta’ pellets inħobb noffri persentaġġ żgħir ta’ żrieragħ apposta għall-ekri (Versele Laga Blattner Siskin Mix).  Waqt l-istaġun tat-tnissil, kif nagħlef l-għasafar kollha tal-għana, il-parti l-kbira tad-dieta tkun tikkonsisti fi żrieragħ imnibbta mħallta ma’ ftit egg food.  Ma’ din it-taħlita nħallat xi ftit piżelli miż-żgħir nett u insetti tal-friża pinkies u buffalo worms. B’din it-taħlita wieħed jista’ jserraħ rasu li l-għasfur ma jkun jonqsu xejn u xiehda ta’ dan huwa l-fatt li kull par li kelli din is-sena biedu u nisslu l-frieh b’numru ta’ bejtiet.  Dieta bħal din tikkonsisti f’ħafna proteini u għalhekk l-għasfur jiġi f’kondizzjoni perfetta għall-breeding u meta jfaqqsu l-frieħ, jikbru malajr u jaqbżu dawk l-ewwel erbat ijiem l-aktar kruċjali bla problemi.  L-ekri nisa kemm ukoll l-irġiel huma ġenituri tajbin ħafna u jżoqqu ħafna lill-frieħ tagħhom.  

 

L-ekru mhux għasfur daqshekk delikat u jiena ma kellix għalfejn nagħti antibiotiċi waqt it-tibdil. Imma f’kas li tara lil xi għasfur qed isofri minn going light, jiġifieri li jinħataf, tista’ tagħti antibijotiku għal kontra il-koċċidjosi bħal xi sulfa.

 

Għal min jixtieq jesebixxi u jikkompeti bl-ekri jrid jipprova dejjem inissel għasafar kabbarin u f’forma ittondjati (type tajjeb), b’kulur intensiv.  Fl-irġiel, apparti l-isfar, irid ikollohom ftit strixxi suwed fil-ġenb u jekk ikollhom b’ħannieqa sewda taħt il-munqar din tkun apprezzata ħafna mill-ġudikaturi.  In-nisa apparti l-istess forma sabiħa jrid ikollhom ħafna strixxi (markings) suwed mill-ġenb għan-nofs.

 

Meta wieħed inissel minn kwalunkwe għasfur tal-għana huwa sodisfazzjon kbir.  Nista’ nassigurakom li meta wieħed jara l-frieħ f’bejtiet ta’ ħamsa jikbru u jaqbżu mill-bejta huwa sodisfazzjon kbir ħafna.  Daqstant ieħor huwa ta’ sodisfazzjon tara l-frieħ imbiddlin wara li joħorfu.  Jiena nħeġġeġ lil kull min għandu għal qalbu dan l-għasfur biex isegwi dawn il-pariri ġenerali u ma jaqtax qalbu jipprova jnissel minn dawn l-għasafar.