L-importanza taċ-ċurkett magħluq minn Sandro Cortis.
Illum aktar minn qatt qabel qed isir bżonnjuż li wieħed jimmarka b’mod permanenti l-għasafar li jkun nissel fil-magħluq.
Dan irid isir l-aktar minħabba liġijiet li jħarsu l-għasafar selvaġġi, fejn tidħol iż-żamma, wiri u negozju tagħhom, kif ukoll huwa utli sabiex wieħed jagħraf u jkun jista’ jżomm rendikont tal-għasafar li jkun nissel. Iċ-ċurkett magħluq jitlibbes meta l-frieħ ikunu għadhom fil-bejta. Dan iċ-ċurkett huwa aċċettat mill-awtoritajiet bħala prova li l-għasfur ġie mnissel fil-magħluq, dejjem jekk iċ-ċurkett ikun tad-daqs adattat għal dik l-ispeċi partikolari.
Fuq dan ikunu ttimbrati s-sena, il-qies (Tab.1),
l-inizjali tal-klabb (Tab.2), numru konsekuttiv tac-curkett u n-numru uniku tal-breeder
Qisien |
Għasfur |
|
|
B |
Ekra, Lesser Redpoll, Apparell |
C |
Gardell, Kukkurin, Mealy Redpoll |
D |
Sponsun, Sponsun selvaġġ, Ġojjin |
E |
Verdun, Żiemel, Durrajsa Safra |
G |
Alwetta |
J |
Kruċjat |
K |
Taż-Żebbug, Malvizz |
Tab.1 Qisien skont il klabbs ta’ Malta
Inizjali |
Klabb |
|
|
|
|
||
BBA |
Bird Breeders Association |
||
MLT |
Malta Cage Bird Association |
||
GBB |
Gozo Bird Breeders |
Huma bosta dawk li ma jaqblux ma’ din is-sistema minħabba r-riskji li fiha. L-aktar problemi komuni li wieħed jiltaqa’ magħhom hu meta l-ġenituri ma jaċċettawx li wieħed imissilhom il-bejta jew ma jaċċettawx iċ-ċurkett fuq sieq il-ferħ, bir-riżultat li jabbandunaw il-bejta jew jarmu l-frieħ il-barra biċ-ċurkett b’kollox. Aktar mal-ġenituri ikunu mansi u draw lil min irabbihom, aktar jonqos dan ir-riskju.
Is-sistema biex wieħed ilibbes iċ-ċurkett hija waħda pjuttost sempliċi. Dan tistgħu tarawh mill-istampi hawn taħt. Però din mhijiex xi biċċa xogħol tal-għaġġla u wieħed irid ikollu daqxejn paċenzja u jaħdem bil-galbu. Ovvjament l-esperjenza hawnhekk tgħodd ukoll. Bil-ferħ miżmum żaqqu l-fuq, is-sieq tinqabad bejn il-werrej u s-sebgħa l-kbir b’mod li t-tlitt iswaba ta’ quddiem jinġabru dritti.
1. Iċ-curkett jiġi mgħoddi minn fuqhom.
2. Bil-mod jinġibed lura lejn l-għaksa.
3. B’attenzjoni ċ-ċurkett jitqabbeż minn fuq l-għaksa.
4. Bis-sebgħa l-kbir miżmum lura, iċ-ċurkett jibqa’ jinġibed il-fuq sakemm is-sebgħa jinħeles.
|
Iż-żmien li fih jitlilbbes iċ-ċurkett ivarja xi ftit bejn razza u oħra, kif jaffettwa wkoll l-esperjenza tal-breeder u kemm tkun iżżoqq l-omm. Ġeneralment dan ikun bejn ir-raba’ u s-seba’ ġurnata minn meta jfaqqsu l-frieħ. Bħala sinjali wieħed jista’ jara li l-frieħ ikunu fetħu għajnejhom u l-pinen qabdu jispuntaw. Aktar ma wieħed iħalli għat-tard, aktar ikun hemm ċans li ċ-ċurkett jiġi aċċettat mill-omm. Dan għaliex il-frieħ ikunu bdew ibattlu l-ħmieġ fuq ix-xifer tal-bejta u l-omm ma tkunx għadha daqshekk iffittata fuq it-tindif tal-bejta. B’hekk ma tipprovax tneħħi ċ-ċurkett minn saqajn il-frieħ għax taħsbu xi ħmieġ.
Jekk mill-banda l-oħra ċ-ċurkett jitlibbes kmieni, dan jista’ joħroġ minn postu u jintilef. Wieħed jista’ jkun jaf jekk huwiex iż-żmien tajjeb biex ilibbes iċ-ċrieket billi jipprova joħroġ iċ-ċurkett u jekk dan jiżloq il-barra bla xkiel, ikun aħjar li jerġa’ jipprova jlibbsu ġurnata jew tnejn wara. Huwa tajjeb wkoll li wieħed ikun jaf jekk in-nisa li jkollu jaċċettawx dan l-indħil jew le filwaqt li nisa ġodda għandhom jiġu pprovati billi ma jlibbisx iċ-ċrieket lill-frieħ kollha f’salt u lanqas quddiem l-omm. Meta l-frieħ jitqiegħdu lura fil-bejta, tajjeb li tgħattihom ftit b’idejk ħalli dawn jitgeddsu l-isfel u b’hekk jgħattu ċ-ċrieket.
Dwar x’ħin l-aħjar li jsir dan ix-xogħol hemm diversi fehmiet, imma fl-aħħar mill-aħħar jiddependi mill-esiġenzi li għandu dak li jkun. Hemm min jirraġuna li aħjar ilibbes iċ-ċrieket tard filgħaxija meta l-omm tkun żaqqgħet il-frieħ u tkun waslet biex torqod.
Imbagħad hemm min jaħsibha li aħjar filgħodu sabiex wieħed ikun jista’ jżomm għajnejh fuq il-bejta. Fil-verità jekk tkun għasfura li taċċetta din il-proċedura, ma tagħmilx ħafna differenza x’ħin isir dan il-proċess. Imma jekk tkun mara ġdida li qiegħed tipprovaha, ikun tajjeb li tieħu ftit tal-ħin biex josserva x’inhu jiġri fil-bejta u f’kas li l-frieħ jintremgħu l-barra, tilħaq isalvahom fil-ħin. U dan tista’ tagħmlu billi jew tneħħilhom iċ-ċurkett u terġa’ twaddabhom fil-bejta jew inkella tgħaddi lill-istess frieħ taħt xi għasfura oħra.
Tajjeb ukoll li waqt l-irringjar, l-omm tingħata xi ikel favorit ħalli jkollha ma xhiex taljena ruħha. Min għadu qatt m’għamel dan il-proċess, ikun tajjeb li l-ewwel jipprova jlibbes iċ-ċrieket fuq għasafar li huma inqas delikati u aktar tolleranti. Eżempju tajjeb huma l-kanarini. Taqbel jew ma taqbilx, illum l-irringjar sar xi ħaga ta’ bilfors jekk trid ittella’ għasafar tal-għana għall-wirjiet jew joffrihom għall-bejgħ.
Illum il-ġurnata l-irringjar sar meħtieġ jekk wieħed irid itella’ għasafar tal-għana għall-wirjiet jew joffrihom għall-bejgħ.