Tnissil mir-Redpoll minn Stephen Grech.
(Achantis flammea)
Ir-redpoll jixbaħ lill-ġojjin komuni imma huwa iżgħar minnu fid-daqs. Fil-fatt id-daqs tiegħu jixbah aktar lil tal-ekra. Ir-redpoll jintagħraf faċilment mill-ġojjin komuni għax dan għandu dabra sewda taħt il-munqar u dabra oħra ħamra fuq il-moħħ. Dawn it-tbabar jeżistu kemm fir-raġel u kemm fil-mara ta’ din l-ispeċi. Għaldaqstant biex tagħraf raġel minn mara huwa r-rix aħmar fuq is-sider u l-ġnub li jkollu r-raġel. Għal kuntrarju, il-mara ma jkollix dan ir-rix aħmar u sidirha jkun fil-kannella bi strixxi aktar skuri. Għandhom munqar irqiq bħal dak tal-ekri, ta’ lewn isfar fil-kannella.
Illum il-ġurnata dan l-għasfur ċkejken huwa komuni ħafna fost dawk id-dilettanti tal-għasafar tal-għana. Tant hu hekk li ħarġu bosta mutations tiegħu, l-aktar komuni jkunu c-cinnamon, il-cobalt u l-pastel. L-ikel bażiku tiegħu għal matul is-sena hija t-taħlita normali tal-kanarini u jien inħobb nagħtihom ukoll mit-taħlita tal-eżotiċi, jiġifieri t-taħlita li jagħtu lill-gouldian finches. Imbagħad meta jibda joqrob l-istaġun tal-bajd nibda nagħtihom żerriegħa mxarrba mħallta bil-couscous u s-soft food. Ħaxix u frott ma jonqosx. Għal ħabta ta’ Jannar nibda nagħtihom darbtejn fil-ġimgħa d-dud tal-friża biex jibdew jidħlu fil-kondizzjoni tan-namra. Ir-redpoll jaslu fl-istadju tal-bejta għal April/Mejju u l-aħjar li l-mara tagħmlilha diversi bejtiet fil-kantunieri tal-gaġġa jew guva ħalli jkollha minn fejn tagħżel. Jiena sibthom tajbin il-borom tal-plastik li nużaw għall-kanarini imma kelli wkoll li għamlu l-bejta anke f’gabjetti qodma li nwaħħlu għall-vrieden.
Il-mara tbid boton ta’ erba’ jew ħames bajdiet. M’hijiex xi ħaġa kbira li tbid 6 bajdiet u saħansitra boton ta’ tmienja mhijiex daqshekk rari. Il-mara tagħmel 11-ġurnata fuq il-bajd sabiex tfaqqas. U żżoqq lill-frieħ bit-taħlita li tkun darrejtha biha, jiġifieri żerriegħa mxarrba mħallta bil-couscous u s-softfood, ħxejjex bħal broccoli mqatta, fjuri tat-tfief u xi biċċa werqa tal-ħass, kif ukoll xi biċċa tuffieħa. F’dan l-istadju d-dud ma jonqosx għax għalkemm mhuwiex daqshekk bżonnjuż fit-trobbija ta’ dan l-għasfur, żgur li jgħin sabiex il-frieħ jitilgħu aktar b’saħħithom. Il-frieħ isiru indipendenti meta jkollhom madwar 25 ġurnata. Il-frieħ tal-ewwel bejta tista’ tħallihom mal-ġenituri jekk dawn ikunu f’guva. L-ewwel sena s-sess tal-frieħ ma jkunx jidher minħabba li l-irġiel ma jieħdux il-kulur fuq sidirhom. Għalhekk l-aħjar ħaġa li tagħmel huwa li malli jbiddlu, għal ħabta ta’ Ottubru, erġa’ aqbad il-frieħ, intef ftit rix minn sidirhom, bħalma nagħmlu l-bgħula tal-ġojjini, u erġa’ agħti l-kulur sakemm jerġgħu jtellgħu. Ovvjament jekk ir-rix jitla’ aħmar tista’ isserraħ rasek li għandek raġel.
Nista’ ngħidilkom li dan l-għasfur huwa ħelu ħafna biex trabbih għax jidhra fidil ħafna. Għalkemm m’għandux xi għana li tolqot il-widna, żgur li titpaxxa bih tarah jittajjar fil-guva u jista’ jintelaq ma’ għasafar oħra għax mhuwiex xi għasfur aggressiv.
