Hand Rearing minn William Rutzen
Ix-xewqa tiegħi kienet li xi darba nrabbi xi għasfur bl-idejn. Fil-bidu li bdejt inrabbi l-vrieden fl-għeqqel tas-sajf, speċjalment f’xi heatwave, in-nisa kienu jarmuli l-frieħ u kont nitfagħhom taħt il-kanarini. Kien ikun hemm minnhom li jżoqquhom u oħrajn li ma jaċċetawhomx.
Darba waħda ddeċidejt li nneħħi l-kanarini u nibqa’ bil-vrieden tal-Ingilterra. U kienet ħasra tara l-frieħ tal-vrieden jaqgħu mill-bejta u jmutu. Fis-sena 2010 sibt sebat ifrieħ mormijin u minn dakinhar iddeċidejt li nipprova nżoqqhom jien. Kont nagħmel ġranet sħaħ kważi kull siegħa nipprova nżoqqhom u nqum bil-lejl ukoll biex inżoqqhom ukoll. Din kienet xi ħaġa ta’ suċċess għax kemm jien u kemm il-familja tiegħi rnexxilna nrabbuhom kollha b’suċċess.

Il-frieħ kif jisimgħuna telgħin it-taraġ tal-bejt tismagħhom isejħulna sabiex inżoqquhom daqs kemm kienu drawna. Kien għal ħabta ta’ Awwissu meta ddeċidejt li nitlaqhom ġol-guva mal-għasafar l-oħra biex ibiddlu imma kien żball min-naħa tiegħi għax għall-bidu baqgħu jfittxuni. Madankollu wara ftit ġimgħat ma baqgħux jagħtu kasna minħabba li kienu jaraw lill-għasafar l-oħra jitgerrxu u wara ftit saru bħalhom. Kien ta’ suċċess kbir li rnexxili ntellagħhom u kien ta’ dispjaċir li ma baqgħux aktar fidili magħna. Fis-sena 2011 iddeċidejt li nerġa’ nipprova nżoqq il-vrieden u maghħom għall-ewwel darba f’ħajti pprovajt inżoqq ukoll frieħ taż-żebbuġ. B’kollox, bl-għajnuna u bil-paċenzja tal-familja tiegħi rnexxilna nżoqqu u ngħixu 7 vrieden u 2 taż-żebbuġ. Kien ta’ sodisfazzjon kbir għax irnexxilna ngħixuhom kollha. Taż-żebbuġ mhux faċli daqs il-vrieden biex iżżoqqu imma b’dedikazzjoni kbira għixnihom ukoll. Din id-darba żammejnihom għalihom u vera tawna gost. Dawn il-frieħ bqajna nilagħbu magħhom u b’hekk baqgħu fidili magħna, noħorġuhom fuq idejna u nilagħbu magħhom u jieklu minn idejna. Tant draw li x’ħin jarawna jkunu jridu joħorġu fuq idejna.

Jekk wieħed irid jipprova jrabbi għasfur fuq l-idejn illum issib ħafna ikel apposta għall-hand rearing. Kulma trid tagħmel huwa li tħallat dan it-trab mal-ilma u żżoqq permezz ta’ seringa normali imma ovvjament tneħħilha l-labra u minflokha tixtri mingħand tal-pet shop pipe rqiq tal-istainless steel Ii jeħel mas-seringa. B’hekk tkun tista’ iddaħħalha ġo ħalq l-għasfur mingħajr ma tagħmillu briex fil-ħawsla. II-frieħ iżżoqqhom darba kull siegħa u ttihom sakemm tara l-ħawsla mimlija. X’ħin terġa’ tasal biex iżżoqq trid tara li l-ħawsla tkun vojta ħalli b’hekk l-ikel jimxi u ma tikkawżax bacteria fil-ħawsla. Min-naħa tiegħi nħeġġiġkom tipprovaw iżżoqqu xi frieħ għax vera esperjenza sabiħa u ssiru tapprezzaw aktar lill-għasafar li tkunu qegħdin trabbu.

William Rutzen
