Print
Category: Articles
Hits: 6248

User Rating: 5 / 5

Star ActiveStar ActiveStar ActiveStar ActiveStar Active
 

 

 

It-tnissil mill-Gardell minn Melvin Caruana.

(Carduelis Carduelis)

 

Il-gardell huwa wieħed mill-aktar għasafar affaxxinanti tal-familja fringillidae.  Dan l-għasfur huwa distingwibbli mill-maskra ħamra tiegħu. 

Huwa għasfur żgħir li jaddatta malajr fil-gaġġa jew fil-guva.   Dan l-għasfur issibu l-biċċa l-kbira fl-Ewropa, fl-Asja u fl-Afrika ta’ fuq.  Ir-raġel ikollu maskra ħamra tleqq, b’kuluri aktar vivaċi mill-mara, speċjalment fuq l-ispallel fejn ir-raġel ikollu rix iswed bi ftit li xejn kannella jleqq.  Bil-kontra l-mara jkollha aktar rix kannella u kulur aktar mitfi.  Il-munqar tar-raġel ikun twil u xi ftit imbexxaq, fejn wieħed ikun jista’ jara saħansitra d-dawl minnu. Wieħed isib diversi sub-speċi ta’ dan l-għasfur.  Fost l-aktar popolari qalb id-dilettanti, wieħed isib il-carduelis carduelis tschusii, il-carduelis carduelis major  u l-carduelis carduelis britannica.

 

                                                           

Fil-magħluq l-ikel prinċipali huma ż-żrieragħ, fosthom żerriegħa tal-warda tax-xemx zgħira (sunflower), skalora, skalora sewda, bużbież, poppy seed u żerriegħa tax-xewk fost l-oħrajn.   Fi żmien il-bejta, għalf ieħor li jiġi miżjud mad-dieta ta’ dan l-għasfur huma ż-żrieragħ immnibta li ġeneralment jiġu mħallta mas-soft food sabiex tnixxef iż-żerriegħa mill-ilma żejjed, u anke sabiex tiġbed is-sens ta’ xamm tal-għasfur.  Ma’ din it-taħlita żżid ukoll ftit dud iffriżat bħall-pinkies.  Mad-dieta wieħed għandu wkoll joffri ħxejjex bħal ħass, zunnarija, pitravi u anke frott bħal tuffieħ. 

 

 

 

 

 

Illum dan l-għasfur iddomestika ruħu, tant li dilettanti madwar id-dinja, inkluż Malta, qed ikollhom suċċess sena wara l-oħra fit-tnissil tiegħu.  Dan l-għasfur ibid bejn tlieta u ħames bajdiet.  Jippreferi bejtiet f’partijiet għolja tal-guva.  Il-bajd idum madwar 14–il ġurnata biex ifaqqas, bil-frieħ iħallu l-bejta wara 15–il ġurnata.  Id-daqs ideali tat-tluq huwa ta’ metru wiesa’, b’żewġ metri fond u żewġ metri għoli.  Preferribilment il-par għandu jintelaq waħdu fit-tluq, għalkemm personalment kelli suċċess ukoll meta tlaqtu ma’ par ieħor ta’ speċi differenti.  Illum dilettanti madwar id-dinja jkollhom ukoll suċċessi fit-tnissil tal-gardell anke fi tluq ta’ madwar pied fond u b’120 ċentimetru wiesa’.

 

L-evoluzzjoni ta’ dan l-għasfur kompliet tikber bil-preżenza tal-ewwel mutazzjoni li kienet dik tal-pastel.  Il-passjoni tad-dilettanti ta’ dan l-għasfur m’għandhiex limiti, tant li llum il-ġurnata, wieħed isib bosta mutazzjonijiet spettakolari, fosthom il-brown, l-agate, il-lutino, is-satine’, l-isabel, l-albino, l-eumo, il-yellow u l-phaeo fost l-oħrajn.  Dilettanti fl-Italja u l-Belġju fost pajjizi oħra komplew il-proġetti tagħhom bil-gardell u rnexxilhom joħolqu sovrapożizzjonijiet ta’ żewgt jew aktar mutazzjonijiet fuq kulur ieħor bhalma huwa l-yellow agate u l-yellow satine’.  Nittamaw li dilettanti Maltin ukoll ikollhom sehem fl-istabilizzazzjoni ta’ xi mutazzjoni ta’ dan l-għasfur tant affaxxinanti.