Tnissil mill-Karpodak (Housefinch) minn Antoine Debono.
Il-karpodak Messikan huwa għasfur li dejjem qiegħed jikber fil-popolarità mad-dilettanti Maltin minħabba li addatta ferm tajjeb għal ġol-gaġġa.
Qabel ma nkompli dwar il-kwalitajiet u d-drawwiet ta’ dan l-għasfur, nixtieq ngħid kelma fuq l-isem ta’ dan l-għasfur. Qabel il-wirja tal-għasafar tal-għana tas-sena l-oħra, bħala organizzaturi ta’ din il-wirja xtaqna nsibu l-ismijiet bil-Malti tal-għasafar li nrabbu u dawk li jiġu esebiti fil-wirjiet tagħna. Fost uħud minn dawn l-għasafar kien hemm il-Mexican Housefinch. Ħadna parir u mill-isem Latin tiegħu (carpodacus mexicanus) tajnih l-isem bil-Malti. B’hekk qegħdin insejħulu l-Karpodak Messikan jew sempliċement il-karpodak.

Fil-fatt il-karpodak ġej mill-familja tar-rosefinches (carpodacus) u kien hawn żmien f’Malta fejn kien jissejjaħ rosefinch. Dan kien żball għax l-identità tal- karpodak kien jiġi mifxul mal-bumunqar jew kif inhu magħruf bl-Ingliż, il-common rosefinch (carpodacus erythrinus), li huwa għasfur Ewropew mill-istess familja. Il-karpodak addatta ruħu tajjeb ferm għal ġol-gaġġa. Jiekol dieta varjetà ta’ żrieragħ, l-istess taħlita tal-vrieden u jaċċetta mingħajr problemi l-pellets għall-frinġillidi. L-irġiel jintgħarfu malajr min-nisa, peress li l-irġiel għandhom sidirhom aħmar bħal dak tal-ġojjin, u allura jagħmilha ferm faċli għad-dilettant sabiex ilaqqa par.
Il-karpodak jista’ jintelaq kemm f’guva kif ukoll f’gaġġeġ tat-tluq. Trid toqgħod għassa għar-raġel peress li dan jista’ ikun xi daqxejn aggressiv iż-żejjed lejn il-mara u ġieli jispiċċa jħarbat il-bejta. Dan l-aktar li jsir meta jkunu mitluqin fiċ-ċokon. Il-mara tieħu ħsieb sewwa tal-bejta u l-frieħ, għalhekk m’għandekx għalfejn toqgħod taħsibha darbtejn biex twarrab ir-raġel biex tħalli lill-mara ttella l-bejta waħedha. Ħaġa oħra li tagħmel lil dan l-għasfur attrajenti mad-dilettanti hija dik li jintelaq bla problemi ta’ xejn ma’ razez oħra ta’ għasafar biex tieħu l-bgħula minnu. Il-bgħula tagħhom saru wkoll komuni u mhux l-ewwel darba li smajna lil xi nassab ifaħħarhom għal għana tagħhom meta jiġu mgħallma fuq il-ġojjini. Jistgħu jintelqu wkoll ma’ għasafar oħra tal-għana kif kif ġieli rajna fil-wirjiet tagħna. Fil-fatt rajna bgħula bejn il-karpodak u l-gardell jew bejn il-karpodak u l-verdun. Preferibilment dawn l-għasafar għandhom jintelqu ma’ għasafar oħra bil-kulur aħmar fir-rix tagħhom. Eżempju ta’ dawn l-għasafar huma l-ġojjini, il-griedel, il-ġojjini slavaġ (redpolls) u l-kruċjati.

Għall-wirjiet il-karpodak raġel huwa ideali li jkollu minn wiċċu sa taħt sidru bl-aħmar jgħajjat u bid-daqqiet skuri li jintgħarfu sew. Il-mara trid tkun mingħajr aħmar imma mbagħad id-daqqiet ta’ fuq sidirha jridu jpattu għan-nuqqas ta’ kulur. Għasfur kabbari dejjem jiġbed l-għajn tal-ġudikatur. Huwa essenzjali li għall-wirja jingħata l-kulur aħmar hekk kif l-għasafar jaqbdu jwaqqgħu r-rix u dan għandu jibqa’ jingħata sa wara li jkun biddel ir-rix kollu. Mingħajr kulur, l-aħmar tar-raġel jinbidel f’isfar ċar u ma jkunx adattat għall-wirja. Il-bgħula kollha tal-karpodak jingħataw il-kulur biex jitressqu għall-wirja u l-frieħ jieħdu ċ-ċurkett tal-qies “E”.

