User Rating: 5 / 5

Star ActiveStar ActiveStar ActiveStar ActiveStar Active
 

 

Tnissil minn taż-Żebbug minn Roderick Abela

(Coccothraustes coccothraustes Linnaeus,1758)

Taż-Żebbuġ huwa wieħed mill-akbar għasafar mill-familja fringillidae u l-akbar wieħed minn dawk tal-għana li jpassu minn fuq Malta.  Dan l-għasfur bid-daqs maestuz tiegħu għandu ammirazzjoni kbira kemm lokalment, kif ukoll barra minn xtutna.

Hafna jqisu t-tnissil minn dan l-għasfur bħala xi ħaġa impossibli.  Però

għalkemm mhuwiex għasfur faċli li tnissel minnu, bħal kull ħlejqa oħra, jekk wieħed jagħraf x’għandu jipprovdi f’forma ta’ ikel u ambjent, il-ħolma li tnissel minn dan l-għasfur tista’ issir realta ukoll.  Bħala ambjent ħafna dilettanti jimmaġinaw li jrid xi guva kbira mmens.  Fil-fatt il-guva m’għandhiex għalfejn tkun kbira ħafna.  Taż-żebbug għandhom dejjem jintelqu par waħedhom ġo guva.  Id-daqs tal-guva idealment għandu jkun ta’ 2 metri fond b’2 metri għoli u metru wiesgħa.  Dan huwa d-daqs ideali għal tal-għana kollha.  Jiena nagħti parir lil min għandu guva kbira ħafna u għandu kollox mitluq flimkien sabiex jekk jkun possibli, jaqsamha f’guvi iżgħar ta’ dawn il-qisien li semmejt u jitlaq par par.  Il-guva tista’ tkun mgħammra bi ftit friegħi tal-prinjol jew ċipress ħalli tagħti dik id-dehra aktar naturali u tagħti daqxejn tal-privatezza lill-għasafar li jgħixu fiha.

 

Rigward dieta ta’ matul is-sena wieħed jista’ jagħlef dieta magħmula minn taħlita ta’ zrieragħ simili għal tal-vrieden.  Jista’ iżid ukoll ftit żrieragħħoxnin bħal-piżelli u xi condition mix tal-ħamiem.  Lokalment issa hawn taħlita magħmula apposta għal taż-żebbug tad-ditta Versele Laga Blattner Grosbeak Mix.  Din it-taħlita fiha ħafna żrieragħ tajbin sabiex iżommu l-għasfur taż-żebbug f’kondizzjoni perfetta.  Minn naħa tiegħi, matul dawn l-aħħar sentejn ikkonvertejt l-għasafar kollha fuq dieta ta’ pellets (awrofakk ta’ barra).  Il-fatt li għandhom quddiemhom kuljum dieta bilanċjata u studjata apposta għall-għasafar togħġobni ħafna, u b’hekk inkun ċert li qed jieħdu n-nutrimenti neċessarji għalihom.  Ma’ dawn il-pellets nagħlef ukoll madwar 15% żrieragħ minn dawn li semmejt aktar qabel.

 

  

 

 

 

 

Meta joqrob żmien il-bejta wieħed għandu jżid għalf li fih aktar proteini. Għalhekk huwa essenzjali li noffru fi żmien il-bejta ikel naturali bħal żrieragħ imnibbta u nsetti sabiex nistimulawhom jibdew inisslu u jrabbu l-frieħ tagħhom.  Tajjeb li wieħed jagħlef aktar qanneb (għan-namra) kif ukoll insetti bħal pinkies, buffalo worms jew waxworms (dud tal-għasel).  Bħala kaxxi fejn jagħmlu l-bejta, tista’ tipprovdi diversi tipi, bħal gabjetti qodma jew kaxxi bħal tal-vrieden.  Bħala materjal għal-bejta l-aħjar huwa l-coconut fibre l-abjad.

 

Normalment taż-żebbug ibidu bejn 4 u 6 bajdiet u dawn jdumu 13 il-ġurnata biex ifaqqsu.  Jekk jirnexxielek tasal sa dan l-istadju, fejn ifaqssu l-frieħ, ikun importanti ħafna li għall-ewwel sebat ijiem toffri ħafna dud kif imsemmi aktar qabel, kif ukoll piżelli (minn tal-friża) u żrieragħ imnibbta.  Il-frieħ iridu jiġu irringjati b’ċurkett tal-qies ‘K’ meta jkollhom ħamest ijiem.  Jekk kollox imur kif suppost, wara madwar 11 il-gurnata l-frieh jaqbżu mill-bejta.  Dawn għandhom jinżammu ma’ ommhom sakemm wieħed jassigura ruħu li qabdu jieklu waħidhom.

 

 

 

 

  

 

Jiena nħeġġeġ lil kulmin għandu għal qalbu dan l-għasfur sabiex ma jaqtax qalbu u jipprova jnissel minnhom.  L-aħħar staġun jiena rnexxieli innissel għat-tieni sena konsekuttiva minn dawn l-għasafar.  B’kollox nissilt 11 il-ferh minn 3 pari differenti.  Din hija prova ċara li jekk wieħed jipprovdi dieta u ambjent adattat, għandu possibilità kbira li jnissel minn dawn l-ispeċi wkoll.